L-iffriżar tal-embrijun uman

Nixtieq minn qalbi ngħid prosit lit-tim kollu li ppreżenta d-diska Iffriżajt.

Dan għaliex irnexxielu jerġa’ jqajjem id-diskussjoni dwar l-embrijun uman. Hemm min ħadha qatta’ bla ħabel kontra dan it-tim żaghżugħ u attakkhom bħala insensittivi, jew inkella li dawn qegħdin jattakkaw lill min ma jistax ikollu tfal. Hemm min ikkritika l-vidjow li juri fetu u mhux l-istampa tal-embrijun li huwa ferm aktar żgħir. Jibqa’ l-fatt li żgħir kemm hu żgħir huwa wieħed minna.

George Cassar, Aleandro u Marco Debono qegħdin jagħtu vuċi lill-embrijun vulnerabbli. Ħadd ma jista’ jinnega li l-embrijun huwa wieħed minna, kreatura umana ġdida, bid-DNA u l-karatteristiċi distinti li jagħmlu bniedem uman ġdid.Sa mill-konċepiment għandu d-dritt tal-ħajja protett speċjalment f’Malta. Il-protezzjoni tal-ħajja umana għandha tkun punt li jgħaqqadna lkoll bħala poplu.

Il-protezzjoni tal-ħajja umana ma tistax tkun punt li nilagħbu biha emozzjonalment, jiġifieri li niddefendu l-ħajja meta jaqbel jew ma jaqbilx lilna. L-iffriżar tal-embrijun uman imur kontra d-dritt tal-ħajja ta’ dak l-embrijun involut. Ma jħallihx ikompli ħajtu u ma jagħtihx ċans jitwieled. L-iffriżar tal-embrijuni jagħmel inġustizzja bejn l-aħwa – min jintgħażel biex ikompli ħajtu … u min biex jiġi ffriżat bil-konsegwenzi kollha assoċjati mal-iffriżar.

L-iffriżar tal-embrijuni ħafna drabi jsir ukoll punt li joħloq ħafna tensjoni fil-ġenituri li jkollhom ulied imwielda u oħrajn iffriżati. Ħafna drabi dawn il-ġenituri jkunu jixtiequ jagħtu ċans lil ulied iffriżati li jitwieldu, iżda minħabba li jinbidlu ċ-ċirkostanzi jista’ jkun li dan ma jibqax possibli. Il-karba tal-kantant f’isem l-embrijun hija kommoventi, tant li tmiss il-qalb u nista’ nifhem li min għandu embrijuni umani ffriżati jħoss għalihom. F’din is-sitwazzjoni hemm modi differenti kif wieħed jirreaġixxi – jew jagħmel kuraġġ u jitkellem, jgħid lil ħaddieħor biex ma jagħżilx din it-triq, jew, kif sfortunatament qed jiġri jattakka lill-kantant minflok.

L-aħjar li ma mmorrux għall-għażla tal-iffriżar tal-embrijuni umani kif fil-fatt tesiġi l-liġi f’pajjiżna bħalissa. Filwaqt li l-pjaga tal-infertilità ma tistax tiġi injorata, daqstant ieħor ma nistgħux nagħlqu għajnejna lejn ir-realtà ta’ x’jiġri mill-embrijun uman li jiġi magħżul, skartat, minsi jew jitlef ħajtu minħabba din il-proċedura.

George Cassar jgħid, “Il-kanzunetta “Iffriżajt” iddewweb l-embrijun li tħalla skartat u tagħtih vuċi biex jesprimi x-xewqa li jgħix. It-tama hi li din il-karba innoċenti, imma sinċiera, iddewweb ukoll dik il-qalb li bbieset għal ħajjet ħaddieħor u dak l-ilsien li qagħad pass lura u ma tkellimx favur id-dritt tal-ħajja sa mill-bidu nett”. Dan huwa messaġġ validu speċjalment illum il-ġurnata fejn hemm min jixtieq jiġġustifika kollox u jagħmel oġġett minn ħajja umana ġdida.

Prosit George, Aleandro u  Marco Debono. Prosit tal-messaġġ kuraġġuż favur il-protezzjoni tal-ħajja ta’ kull embrijun uman.

Biex tisma’ d-diska agħfas hawn.

Dr Miriam Sciberras BChD (Hons) MA Bioethics

Chairman Life Network Foundation Malta