Emendi embrijuni: Min jivvota favur responsabbli għall-mewt tagħhom – Life Network

Il-Life Network Foundation qalet li min se jivvota favur l-emendi proposti għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijun se jkollu jerfa’ responsabbiltà kbira li tinkludi l-mewt tal-embrijuni u kull effett negattiv li tispiċċa tbati s-soċjetà minħabba t-tibdil.

Il-proposti fl-Att jinkludu li l-embrijuni se jiġu ffriżati jekk il-koppja tagħti l-kunsens għall-addozzjoni u li l-kiri tal-ġuf ma jibqax kontra l-liġi f’xi każijiet.

Fi stqarrija, il-Life Network Foundation appellat lill-Membri Parlamentari biex jirriflettu fuq l-implikazzjonijiet serji tal-emendi proposti għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijun.

Skont il-Fondazzjoni, hemm qbil bejn il-professjonisti li huma konta l-emendi. Qalet ukoll li hemm eluf ta’ Maltin mħassba dwar il-proposti. Rat ukoll attentati għad-disumanizzazzjoni tal-embrijun u li d-drittjiet tat-tfal twarrbu għal ġenb.

Il-Fondazzjoni stqarret ukoll li l-esperti ma tħallewx jindirizzaw lill-Parlament.

Il-Life Network Foundation qal li studji u osservazzjonijiet oħra juru li:

  • Il-bniedem huwa organiżmu uniku
  • Il-ħajja tibda mal-konċepiment
  • L-embrijun fl-istat bikri tiegħu huwa bniedem uman
  • Il-krijopreservazzjoni tpoġġi l-ħajja tal-embrijuni f’riskju
  • Il-problema tal-embrijuni ffriżati żejda għadha ma ssolvietx
  • Mhemmx studji li juru li l-kiri tal-ġuf, donazzjoni tal-bajda, l-isperma, jew tal-embrijun m’għandhomx effetti psikoloġiċi negattivi fuq it-tfal u fuq l-ommijiet bijoloġiċi
  • Mhix ġustizzja soċjali li ttaffi l-ferita tal-infertilità tal-koppji ta’ din il-ġenerazzjoni billi tneħħi d-dritt tal-ġenerazzjoni ta’ wara li tkun taf min huma l-ġenituri tagħha

 

Ref: http://www.newsbook.com.mt/artikli/2018/5/23/emendi-embrijuni:-min-jivvota-favur-responsabbli-ghall-mewt-taghhom-life-network.75513/