Charmaine Attard – 19/04/18 04:45 PM
Il-Moviment ta’ Kana saħaq li l-emendi proposti mill-Gvern għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni jiddiskrimina trabi minn oħra.
Fi stqarrija, il-Moviment ta’ Kana spjega li l-emendi proposti huma diskriminatorji għax waqt li trabi jingħataw iċ-ċans li jaraw id-dawl tal-ħajja, oħrajn jibqgħu ffriżati.
Il-Moviment stqarr li jemmen li l-koppji għandhom jingħataw l-għajnuna biex iġibu t-tfal fid-dinja, u li l-liġi preżenti tilħaq bilanċ bejn id-drittijiet tal-embrijun u l-interessi u x-xewqat tal-koppji li għandhom diffikultajiet biex jilħqu dan l-għan.
Irrimarka li l-iffriżar tal-embrijuni hu inkompatibbli mar-rispett u d-dinjità li biha għandha tiġi ttrattata l-ħajja umana sa mit-tnissil. Żied jgħid li dawn il-ħlejqiet umani huma destinati biex jibqgħu orfni ffriżati jekk ma jintużawx fiċ-ċiklu riproduttiv u jekk ma jiġux adottati.
Il-Moviment ta’ Kana qal ukoll li l-emendi proposti jkasbru d-dinjità tal-ħajja sa mit-tnissil, idawru wiċċhom għad-differenzi tan-natura u jiċħdu l-kumplimentarjetà tar-raġel u l-mara.
Jisħaq li f’isem l-ugwaljanza, l-emendi jippermettu wkoll id-donazzjoni anonima taċ-ċelloli għat-tnissil u l-kiri tal-ġuf bis-surrogazzjoni. Fisser li b’dan il-mod l-ulied se jiċċaħħdu mill-omm jew il-missier naturali tagħhom u mid-dritt li jitrabbew fl-għożża kumplimentarja ta’ omm u missier.
Temm l-istqarrija billi appella lis-soċjetà ċivili u lill-politiċi kollha ta’ rieda tajba biex jieħdu pożizzjoni kontra l-iffriżar tal-embrijuni u favur id-drittijiet tal-ulied li jitwieldu u jitrabbew mill-ġenituri naturali tagħhom.
Fl-aħħar jiem, l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech qalu li qraw b’dispjaċir l-emendi proposti mill-Gvern. Saħqu fost l-oħrajn li l-emendi se joħolqu orfni ġodda u li l-possibilità tal-kiri tal-ġuf se tkun qed tagħmel mit-tarbija oġġett ta’ produzzjoni.
Fil-jiem li għaddew, l-eks Deputat Prim Ministru George Vella qal li l-abbozz tal-liġi dwar l-IVF tgħawweġ l-etika, il-moralità u d-dinjità umana.