Il-Jum Dinji tad-Down Syndrome 2021
Il-Ħadd 21 ta’ Marzu 2021 huwa il-Jum Dinji tad-Down Syndrome – jum li fih nirrikonoxxu lill-persuni bid-Down Syndrome u l-kontribut siewi li jagħtu lis-soċjetà.
Sa nofs is-seklu għoxrin, il-persuni bid-Down Syndrome kienu sikwit jinżammu f’istituzzjonijiet u ħafna minnhom kienu jmutu ta’ età żgħira minħabba problemi ta’ saħħa li, ħafna drabi, ma kinitx tingħatalhom kura għalihom. Imma fi żmien iktar reċenti, l-atteġġjamenti lejhom bdew jinbidlu minħabba li l-ġenituri tagħhom, il-ħaddiema mediċi u l-organizzazzjoni varji bdew jaqbżu għad-drittijiet tal-persuni b’Down Syndrome. Iktar ma għadda ż-żmien iktar is-soċjeta’ bdiet taċċetta lill-persuni b’Down Syndrome u b’kundizzjonijiet oħra. Din l-integrazzjoni tawlet ġmielu l-ħajja tagħhom tant li bdew jgħixu d-doppju li kienu jgħixu qabel – u aktar. Fil-fatt, ħafna jgħixu ħajja twila u relattivament f’saħħitha u jaqbżu s-sittin u s-sebgħin sena.
Illum, il-persuni bid-Down Syndrome jgħixu ħajja bħal kulħadd, bis-suċċessi tagħha wkoll. L-edukazzjoni tingħatalhom fl-iskejjel normali u fl-universitajiet. Jistgħu jgħixu, jagħmlu l-volontarjat, jiżżewġu u jgħixu m’mod indipendenti. Jistgħu jivvutaw u joffru kontribut validu u ta’ ġid lis-soċjetà. Ħafna jitkellmu fuq ħajjithom apertament u bl-esperjenzi personali tagħhom juru xi tfisser li tkun bniedem b’dik il-kundizzjoni. Juru wkoll li l-kundizzjoni tagħhom ma taffettwax il-kapaċitajiet tagħhom u li huma membri siewja tad-dinja tal-lum.
B’sogħba kbira infakkru li hemm pajjiżi li għalihom il-ħajja ta’ persuni bid-Down Syndrome u diżabiltajiet oħra ma jiswewx wisq. Fl-Islanda kważi 100% tan-nisa li jkunu jafu li t-tarbija fil-ġuf se jkollha d-Down Syndrome jiddeċiedu li jagħmlu abort. Fid-Danimarka 98% itemmu l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf wara dijanjosi bħal din; fi Franza 77%, u fl-Istati Uniti 67%.Dawn il-perċentaġġi huma xokkanti u ta’ qsim il-qalb. L-Islanda tiftaħar li qerdet din il-kundizzjoni, imma fil-verità din il-prattika teqred il-ħajja ta’ dawk li għandhom din il-kundizzjoni. Kieku l-ommijiet u l-missirijiet li jkunu qegħdin jistennew tarbija jingħataw akatr appoġġ u informazzjoni dwar xi ġġib tfisser li tgħix ma; persuna bid-Down Syndrome, ikunu anqas dawk li jirrikorru għall-abort.
F’Malta jitwieldu bejn ħames u sebat itfal bid-Down Syndrome kull sena. Is-soċjetà tagħna għżamlet progress kbir u din il-kundizzjonai, b;isfidi kollha li ġġib magħha, taċċettaha. Kultant niltaqgħu ma; xi ftit inċertezza u informazzjoni żbaljata, speċjalment minħabba li fit-tfulija l-iżvilupp isir b’pass inqas mgħaġġel. Però il-ġenituri ta’ tfal bid-Down Syndrome iħossu li, hawn Malta, il-politika ta’ inklużjoni tkattar it-taħlit ma’ tfal oħra u tgħinhom ħafna fl-edikazjoni tagħhom. Hemm ħafna appoġġ mill-Gvern u għaqdiet privati li joffru terapija, benefiċċji finanzjarji u assistenza oħra lill-familji. Id-diskriminazzjoni naqset b’mod sinifijattiv, u s-soċjetà Maltija kważi dejjem tgħożż ħafna lill-persuni b’din il-kundizzjoni.
Life Network Foundation, www.staging-lifenetwork.stagingcloud.co, tagħraf is-siwi ta’ kull ħajja umana, kemm fil-ġuf u kemm barra. Il-ħarsien tat-trabi fil-ġuf huwaessenzjali, aktar u aktar meta jkun dijanjosi mhix mistennija li twassal għal kriżi fit-tqala minħabba biża’ jew inċertezza. Life Network Foundation se tkompli toffri l-appoġġ u tqajjem kuxjenza fuq id-Down Syndrome u kundizzjonijiet oħra minħabba li kull persuna hija unika u jistħoqqilha li tkun ċelebrata u maħbuba.
Awguri, Dinji tad-Down Syndrome 2021!
Life Network Foundation