​“Il-liġi dwar l-IVF tgħawweġ id-dinjità umana” – George Vella

 
 

​“Il-liġi dwar l-IVF tgħawweġ id-dinjità umana” – George Vella

Christoph  Schwaiger  –  12/04/18 06:31 PM
 

L-eks Deputat Prim Ministru George Vella qal li l-abbozz tal-liġi dwar l-IVF tgħawweġ l-etika, il-moralità, u d-dinjità umana.

Fuq Twitter, Dr Vella żied jgħid li dan l-abbozz allegatament sar biex titneħħa d-diskriminazzjoni “li imponiet in-natura nnifisha”.

 

George W. Vella

 

@MFAMalta

 

New IVF bill a complete travesty of ethics, morality, and human dignity, allegedly to remove “discrimination” imposed by nature herself.

 

 
 Siegħa wara, staqsa fuq Twitter jekk wieħed iridx jagħżel din it-triq, li ddeskriva bħala “niżla tiżloq” biex isseħħ il-wegħda “idealista” ta’ ugwaljanza.

 

George W. Vella

 

@MFAMalta

 

New IVF Bill: Need we go this far down this slippery slope to deliver on the utopic promise of ‘equality’?

  

Ilbieraħ il-Ministru għas-Saħħa ta dettalji dwar l-emendi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, fost l-oħrajn dawk li jittrattaw il-kiri tal-ġuf u l-iffriżar tal-embrijuni, li tressqu fil-Parlament.

Din mhix l-ewwel darba li Dr Vella ħa pożizzjoni simili kontra tibdil fil-liġi li jaffettwa l-embrijun.

Fil-gazzetta Times of Malta, fl-10 ta’ Marzu Dr Vella qal li huwa ċar ħafna li l-kampanja biex jiġi legalizzat l-abort qiegħda tirranka u li qed tuża kull mezz biex din id-diskussjoni tingħata importanza.

Huwa kien qed jitkellem fid-dawl tat-tibdil fil-liġi dwar vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika proposta mill-Gvern. Skont il-Partit Laburista, dan it-tibdil ma jneħħi l-ebda protezzjoni lit-tarbija fil-ġuf u li Gvern Laburista hu ċar dwar il-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort.

Fit-Times, Dr George Vella qal li huwa jappella bil-qawwa biex fil-liġi li qed jipproponi l-Gvern iħalli l-provediment preżenti għax dan jipproteġi aħjar lit-tarbija mhux imwielda.

Vella qal li l-proposta tal-Gvern dwar axxendent u dixxendent hija proposta vaga li ma tipproteġix biżżejjed lit-tarbija mhux imwielda. Huwa żied jikteb illi jekk il-Gvern ma jinkludix it-tarbija mhux imwielda bħala parti – kif inhi illum – mid-definizzjoni ta’ familja, jintbagħat messaġġ żbaljat.

Deputati tal-Oppożizzjoni rribattew bil-qawwa dan it-tibdil.

Ref: Newsbook