Il-Fondazzjoni favur il-Ħajja u l-Familja, Life Network Foundation Malta qalet li fl-emendi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun li ġew ippubblikati lbieraħ “jidher ċar li hemm logħba fil-lingwaġġ użat u logħba bid-definizzjonijiet”.
Fost l-oħrajn l-emendi ppreżentati mill-Gvern qed jittrattaw il-kiri tal-ġuf u l-iffriżar tal-embrijuni.
Dwar id-donazzjoni tal-isperma u l-bajda, iċ-Chairperson tal-Life Network Foundation Dr Miriam Sciberras saħqet li il-Gvern qed jilgħab bil-lingwaġġ użatt u qed jagħmel “logħba bid-definizzjonijiet”.
Saħqet li dan l-abbozz qed jagħmilha legali li wieħed jabdika mir-responsabilitajiet u obbligi dovuti lil kull wild minħabba li b’donazzjoni tal-gameti anonima (bajda tal-mara u sperma tar-raġel) wieħed jiċħad l-ulied li bioloġikament huma tiegħu b’għażla.
Ir-reazzjoni titkellem ukoll dwar il-kliem “omm”, “missier” jew “koppja mara u raġel” li ġew eliminati u minflok iddaħħlu ġenitur/ġenituri prospettivi meta huwa fatt bioloġiku li biex tinħoloq ħajja ġdida għandek bżonn l-isperma tar-raġel u l-bajda tal-mara.
“L-embrijun mhux oġġett imma ħajja ġdida”
Dr Miriam Sciberras li hija ggradwata fil-Bioetika u magħrufa għax-xogħol tagħha favur il-ħajja, spjegat ukoll li min jirrikorri għall-IVF, ikollu embrijuni trasferiti fil-ġuf u mhux oġġetti u għaldaqstant ma jitwildux oġġetti iżda tfal.
Il-Fondazzjoni qalet ukoll li d-drittijiet tal-ulied li jitwieldu minn din it-teknoloġija la huma ikkunsidrati u lanqas meqjusa.
Tista’ taqra r-reazzjoni sħiħa hawnhekk: