Is-Sibt 17 ta’ Marzu 2018: L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li soċjetà li taċċetta l-abort hija soċjetà omiċida, peress li “kull meta bniedem inaddaf il-ġuf billi jneħħi l-ħajja ta’ tarbija, huwa jkun qed joqtol persuna.”
Waqt il-laqgħa ġenerali annwali tad-Dar Ġużeppa Debono, l-Isqof Grech qal li “l-argumenti favur it-terminazzjoni tal-ħajja tal-bniedem fil-ġuf huma fake news jew parti mill-post truth culture.”
Mons. Grech qal li min huwa favur l-abort għandu l-ardir jgħid li lest li joqtol persuna biex isalva oħra. Huwa fakkar fi kliem il-Papa Franġisku li kien qal li “din hija mafja”.
Waqt l-indirizz tiegħu, l-Isqof ta’ Għawdex qal l-ebda raġuni ma tiġġustifika l-qtil dirett tal-bniedem. Huwa kompla jgħid li “hija tassew anomalija li filwaqt li d-dinja tad-dritt qed tawgura li titneħħa l-leġitimazzjoni l-gwerra tiġi deleġittimizzata, fl-istess nifs trid li l-abort jiġi leġittimizzat.”
L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li l-problema tal-abort klandestin ma tissolviex billi jiġi leġitimizzat l-abort iżda billi jittieħdu miżuri soċjali li jindirizzaw il-kawżi li minħabba fihom omm tħossha kkundizzjonata li “toqtol lit-tarbija fil-ġuf”.
L-Isqof Mario Grech qal ukoll li l-abort imur kontra l-ġurament li jieħdu t-tobba biex jiddefendu l-ħajja u li ma joqtlux lill-bniedem b’mod dirett. Fi kliem Mons. Grech “meta tabib jintalab jagħmel abort, huwa jkun jikser din il-wegħda. X’fiduċja jibqgħalna f’tabib li jxellef il-ġurament li jkun ħa?”
Mons. Grech qal li l-bniedem qed jgħix f’epoka ta’ dittatura tad-drittijiet, fejn dak kollu li l-bniedem jixtieq jew irid, qed isejjaħlu dritt ċivili.
L-Isqof faħħar il-ħidma ta’ Dar Ġużeppa Debono favur il-ħarsien tat-tarbija fil-ġuf. Kompla jgħid li din il-ħidma hija meħtieġa ħafna peress li f’Malta qed ikun hemm “vuċijiet orkestrati favur l-abort.”
Huwa ħeġġeġ lid-Dar biex tkompli tkompli xxandar li l-ħajja umana mill-bidu tat-tnissil sat-tmiem naturali tagħha hija sagra u invjolabbli. Qal li d-Dar għandha tkompli toffri kenn, akkomadazzjoni u għajnuna lin-nisa tqal. Qal ukoll li hemm bżonn li d-Dar toffri servizzi ta’ counselling għal dawk li jinqabdu b’tarbija li ma tkunx ippjanata jew mhux b’saħħitha.
Fi kliem l-Isqof Grech, “dan is-servizz tajjeb jingħata wkoll lil dawk l-ommijiet tqal li jkunu ddeċidew li jagħmlu abort, bit-tama li dawn jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom.”
L-Isqof ta’ Għawdex sejjaħ it-tqassim b’xejn tal-kontraċettivi “viżjoni miopika u parzjali”. Enfasizza dwar l-importanza tal-edukazzjoni sesswali.
L-Isqof Mario Grech irrakkomanda wkoll li d-Dar għandha toffri akkumpanjament terapewtiku u spiritwali lill-ommijiet li jkunu għamlu abort.
Nhar l-Erbgħa 14 ta’ Marzu 2018, Dar Ġużeppa Debono żammet il-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha li matulha preżentat rapport tal-ħidma tagħha flimkien mar-rapport finanzjarju għas-sena 2017.
Iċ-Ċerpersin tad-Dar, Karl Wright, qal li fl-aħħar xhur Dar Ġużeppa Debono għaddiet minn proċess ta’ tiġdid li matulu evalwat il-missjoni tagħha u kif din tista’ tkun iżjed rilevanti għaż-żmien tal-lum.
Rapport: newsbook.com.mt