X’jiġifieri tkun Favur il-Ħajja (Pro-Life)
Li tkun favur il-ħajja (pro-life) jfisser li titkellem favur il-ħarsien legali tal-embrijuni u l-feti umani, speċjalment billi tkun favur li l-abort ikun kontra l-liġi minħabba li huwa qtil ta’ ħajja umana. (Definizzjoni addattata u tradotta minn https://www.thefreedictionary.com )
Però li tkun favur il-ħajja (pro-life)) huwa ħafna aktar minn hekk
Li tkun favur il-ħajja ma jfissirx li tkun biss kontra l-abort. Ifisser li tkun favur dak kollu li jħares u jiiddefendi l-ħajja fl-istadji kollha, mill-mument tat-tnissil sal-mewt naturali. Tfisser li l-ħajja timbuttaha ‘l quddiem għax hija prezzjuża u ta’ min jgħożżha. Tagħmel dak kollu li tista’ biex tindokra l-ħajja ta’ kull bniedem, kbir jew żgħir, u tagħti sostenn, fil-prattika, lil kull min jeħtieġu. Jikkomporta wkoll li toffri l-appoġġ fiżiku u emozzjonali lil min qiegħed isofri, jew ma jiflaħx u tissalvagwardja il-ħajja ta’ dawk li mentalment ma jistgħux jaħsbu fihom infushom.
Li tkun favur il-ħajja ifisser propju li żżom dejjem mal-ħajja
Fis-soċjetà hemm ħafna ideat żbaljati dwar dawk min hu favur il-ħajja. Meta xi ħadd jistqarr li hu favur il-ħajja, hemm min awtomatikament jassumi li dan huwa:
- reliġjuż ħafna u/jew influwenzat mit-twemmin tiegħu f’Alla.
- kontra x-xjenza
- kontra n-nisa u d-drittijiet tagħhom
- nieqes mis-simpatija lejn il-vittmi tal-istupru u tal-inċest
- ma jimpurtahx min-nisa li jsibu ruħhom tqal bla mistenni
- mhux lest li jgħin lil min qiegħed ibati.
Dawn il-fehmiet u oħrajn li jixbhuhom jagħtu idea falza ta’ x’ikun tassew xi ħadd favur il-ħajja.
Min hu favur il-ħajja jista jkun ateu u jista’ jkun jemmen. Jista’ jkun Kattoliku, Ħindu, jew segwaċi ta’ xi reliġjon oħra – jew mingħajr reliġjon. L-għeruq tar-rispett lejn il-ħajja m’għandu x’jaqsam xejn ma’ twemmin jew nuqqas ta’ twemmin teoloġiku. Joħorġu mill-fatt bażiku sempliċi li kull ħajja hija prezzjuża għax hija ħajja – għax qed tgħix.
U dan jibqa’ veru kemm jekk il-ħajja hija ġol-ġuf u kemm jekk hija barra; kemm jekk hija żagħżugħa jekk jekk hija anzjana. Naturalment, m’hemm xejn ħażin li tkun reliġjuż jew li temmen f’Alla. Imma dak ma jfissirx li tkun awtomatikament favur il-ħajja. Tkun favur il-ħajja jekk tkun tħobb il-ħajja u tħarisha!
Li tkun favur il-ħajja ma fissirx li awtomatikamnet ma tagħtix widen għax-xjenza.
Anzi, dawk li huma favur il-ħajja jappoġġjaw u jimbuttaw ‘il quddiem dak li x-xjenza tiskopri – bil-punt ewlieni jkun li l-ħajja tibda mat-tnissil, u għalhekk jixirqilha l-ħarsien u r-rispett sa minn dak il-waqt. L-avvanzi fix-xjenza ippermetewlna naraw it-tarbija kif tkun eżatt fil-ġuf. Barra minn hekk, issa nistgħu nifhmu aktar x’inhuma s-side effects tal-pilloli tal-kontroll tat-twelid fuq ġisem il-mara u l-organi riproduttivi tagħha.U anke dawn jaf ikunu ta’ tfixkil għall-proċess tal-ħajja fil-bidu.
Barra minn hekk, ix-xjenza dejjem tiskopri modi ġodda kif jistgħu jsiru proċeduri mediċi u ta’ rutina, u fl-istess ħin il-ħajja tkun dejjem imħarsa. Il-ħin kollu jinstabu trattamenti u mediċini ġodda biex jgħinu lill-vittmi ta’ mard terminali jew li jdgħajjef lil dak li jkun. Għalhekk ix-xjenza għandha rwol importanti ħafna fil-moviment favur il-ħajja, speċjalment meta tintuża biex issaħħaħ u ssalva l-ħajja akkost ta’ kollox.
Min hu favur il-ħajja jixtieq li l-ħajja ta’ kulħadd, u mhux tiegħu biss, tkun fiż-żgur.
Dan jinkludi il-bnedmin kollha, kemm ġol-ġuf u kemm barra minnu, għandhom kemm għandhom età. Li tkun kontra l-abort ma jfissirx li jinteressakx mill-problemi ta’ xi tfajla jew mara li qiegħda ġġorr fiha tarbija li ma tixtiqhiex, jew li li ma jimpurtakx minn ċerti ċirkustanzi, bħalma huma l-istupru u l-inċest li jistgħu jwasslu għat-tqala. Ma jfissirx li min hu favur il-ħajja jrid isalva biss il-ħajja tat-tarbija, mingħajr ma jaħseb fuq il-kwalità tal-ħajja tagħha wara t-twelid. Lanqas ma jinjoraw lill-adulti mdaħħlin fil-biċċa, speċjalment fejn ikun hemm l-abbuż u l-vjolenza.
Li tkun kontra l-abort ifisser li kemm in-nisa u kemm it-tarbija li għadha ma twelditx huma prezzjużi. Fil-fatt ħafna gruppi favur il-ħajja joffru appoġġ matul it-tqala permezz ta’ centri ta’ kriżi, servizzi ta’ counselling, aġenziji tal-addozzjoni, fostering u ħafna faċilitajiet oħra li jistgħu jgħinu lill-omm fil-prattika u finanzjarjament, kif ukoll biex is-sigurtà tat-tarbija tkun aċċertata.
L-idea li l-abort huwa sikur 100% għall-mara huwa ’l bogħod mill-verità
Fih innifsu l-abort mhuwiex xi proċedura sempliċi – lanqas xejn. Barra minn hekk iħalli ħafna effetti fiżiċi, emozzjonali u psikoloġiċi li ftit li xejn inqisuhom. Il-verità hi li hawn nisa li jmutu wara li jagħmlu abort. Kultant jissugraw li jitilfu l-fertilità tagħhom. U ġieli jispiċċaw fis-swali tal-emerġenza minħabba kumplikazzjonijiet serji wara din il-proċedura.
Barra minn hekk, il-ħsara psikoloġika tista’ ddum snin ma tidher. Imma mbagħad, kif jistgħu jixhdu għadd kbir ta’ nisa, l-effetti jafu jkunu tassew serji. Huwa għalhekk li dawk li huma favur il-ħajja jappoġġjaw lin-nisa li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ tqala mhux ippjanata. Lin-nisa juruhom li jista’ jkun hemm soluzzjonijiet oħra minflok li jtemmu t-tqala – u, jekk ikunu ddeċidew li jagħmlu abort, joffrulhom il-counselling xorta waħda.
Għalhekk li tkun favur il-ħajja iffisser ifisser li int favur in-nisa u l-benessseri tagħhom.
Fejn jidħlu d-drittijiet tal-mara fuq ġisimha, il-moviment favur il-ħajja jaċċetta u jirrispetta l-fatt li hi intitolata għalihom mija fil-mija. Però, meta tarbija tkun konċepita, ikun hemm żewġ persuni, mhux waħda. It-tnejn li huma għandhom id-drittijiet, u l-iktar wieħed bażiku huwa d-dritt għall-ħajja. Il-mara trid tqis li l-persuna l-oħra – it-tarbija fil-ġuf – ukoll jistħoqqilha li li jkollha d-drittijiet, daqskemm għandha hi.
Anke jekk it-tarbija titnissel wara stupru, hi wkoll, bħal ommha, hija vittma. Mhux sewwa li dik it-tarbija tħallas hi b’ħajjitha għar-reat li jkun wettaq ħaddieħor. Meta l-omm lit-tarbija tkun tridha, tkun lesta tiġġieled għal ħajjitha u għad-drittijiet ta’ dik it-tarbija, anke meta tkun għadha f’ġufha.Għaliex m’għandux ikun hekk ukoll meta t-tarbija ma tkunx mixtieqa? Sa mill-mument tat-tnissil, kollha kemm aħna jixirqilna li jkollna ċans li ngħixu, li nitwieldu, li neżistu…li nkunu.
U dawk li għandhom mard terminali, dawk li huma ta’ saħħa dgħajfa ħafna, u l-persuni b’diżabilitajiet serji?
F’dawn il-każi kollha, il-gruppi favur il-ħajja b’saħħithom kollha lesti li jaħdmu biex ikun hemm titjib fil-kura paljattiva u l-appoġġ għal min jeħtieġhom. Dawk li huma favur il-ħajja huma kontra – u bil-kbir – li ħajja umana tintemm bil-ħsieb u bi pjan. Jagħmlu hekk mhux għax ma jimpurtahomx minn min qed ibati, imma għaliex l-ewtanasja twassal għall-kultura tal-mewt li tfisser li l-ħajja tista’ taqbad u tarmiha.
Wieħed jifhem li meta persuna jkollha uġigħ kbir jew, lanqas biss tkun tista’ tieħu ħsieb il-bżonnijiet l-aktar bażiċi tagħha tkun tixtiequ li jintemm kollox malajr kemm jista’ jkun. Fil-fatt, pazjent għandu kull dritt jirrifjuta l-kura medika li se sservi biss biex ittawallu t-tbatija.
Imma huwa kontradittorju u kontra l-ħajja li jkun hemm min bi ħsieb jgħinek tmut, meta skont il-professjoni tiegħu, suppost isalvalek ħajtek.
U xi ngħidu għal dawk il-każi kollha fejn isir użu milll-ewtanasja biex issolvi d-depressjoni? Jew għax jinqala’ saram serju fil-ħajja? Jew anke biex tneħħi l-ħajja ta’ xi ħadd li twieled b’diżabilità, jew biż-żmien sar diżabbli? Fil-ħajja ta’ kuljum spiss jingħad “Għaliex ma nistax nagħmel li rrid b’ħajti?“
Imma min jagħmel din il-mistoqsija donnu jinsa li l-każi ta’ ewtanasja huma biss numru żgħir meta tqabbilhom mal-mijiet ta’ eluf ta’ persuni b’diżabbilità li ħafna nies jgħożżu u li huma rappreżentati minn gruppi favur persuni b’diżabbilità. Dawn il-gruppi huma bi ħġarhom huma favur il-ħarsien tal-memebri vulnerabbli tagħhom.
Palmer Williams ġabar bl-aħjar mod il-kunċett li tkun favur il-ħajja.
Williams li huwa Avukat Anzjan mal-American Center for Law and Justice – li jispeċjalizza fuq kwistjonijiet governattivi, il-qdusija tal-ħajja u l-liġi internazzjonali – qal:
Fuq kollox, il-moviment favur il-ħajja għandu għeruq imqabbdin sew fit-twemmin fundamentali li l-ħajja kollha, żgħira kemm hi żgħira, fqira kemm hi fqira, u anke jekk mhix mixtieqa, jistħoqqilha l-protezzjoni.
Dawk fostna li huma favur il-ħajja jiġġieldu għad-dinjità intrinsika li hemm f’kull ħajja ta’ bniedem, hi x’inhi l-età u hu x’inhu l-istadju ta’ żvilupp li waslet fih. L-impenn tagħna favur dik il-persuna ma jintemmx fis-sala tal-ħlas. Fil-fatt, jibda proprju hemm.
Li tkun favur il-ħajja jfisser li tiddefendi lil dawk li għadhom ma twildux, lir-romol, lill-persuni b’diżabilità, lill-orfni, eżatt bħal jagħmlu l-għaqdiet li jaħdmu għal dawk li għandhom bżonnijiet speċjali jew jgħinu lill-familji jaddottaw l-orfni. Li tkun favur il-ħajja jfisser li sservi l-iżgħar fost dawk li jgħixu qribna jew imbiegħda minna, bħalma jagħmlu l-għaqdiet li jgiħnu lil dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom jew dawk li ħarbu l-gwerer.. Li tkun favur il-ħajja jfisser li tibni istituzzjoinijiet li jgħinu lill-bnedmin kollha jiżviluppaw.’’
Referenza: http://aclj.org/pro-life/what-does-it-really-mean-to-be-pro-life