Il-Ministru lest jemenda l-Liġi tal-Ugwaljanza

Il-Ministru lest jemenda l-Liġi tal-Ugwaljanza

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li huwa lest jemenda ż-żewġ abbozzi tal-Liġi tal-Ugwaljanza li hemm fil-Parlament. Il-Ministru tal-Ġustizzja semma li huwa lest jemenda l-artikli li jagħtu lil dawn l-abbozzi supremazija fuq kull ligi oħra barra l-Kostituzzjoni u anke l-partijiet li jolqtu ħażin lill-iskejjel tal-Knisja. Iżda kompla jgħid li mhux lest li jdaħħal fl-abbozz klawsola li tintroduċi d-dritt tal-oġġezzjoni tal-kuxjenza.

Il-Ministru Zammit Lewis kien qed jieħdu sehem f’diskussjoni fuq Newsbook.com.mt l-Ħamis wara nofsinnhar. Fid-diskussjoni li tmexxiet mill Fr Joe Borg ħa sehem il-Membru Parlamentari tal-PN Karl Gouder.

Gouder qal li l-PN jaqbel li titneħħa kull diskriminazzjoni u li jkun hemm ugwaljanza veru. Kompla jgħid li iżda trid li titneħħa l-klawsola li tagħti lil din il-liġi supremazija fuq liġijiet oħra. Huwa ddeskriva din il-klawsola bħala perikoluża u bħala klawsola li qed iġġib ħafna reazzjoni negattiva mill-għaqdiet professjonali.

Il-Klawsola tas-supremazjija: problema

Il-Ministru qal li huwa qed jisma’ lil kullħadd u lest li jemenda l-klawsola tas-supremazija waqt li ċaħad bil-qawwa li din il-liġi qed issir biex tħejji t-triq għall-introduzzjoni tal-abort u l-ewtanasna. Huwa qal li mill-banda l-oħra jħoss li f’liġi dwar l-ugwaljanza ma hemmx post għall-klawsola li tagħti dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza.

Meta, waqt il-programm il-Ministru kien preżentat bil-kritika li saret minn diversi gruppi professjonali u kritika li saret fuq Newsbook Q&A mill-Prim Imħallef Emeritu Vincent DeGaetano, l-Ministru qal li ma jaqbilx mal-kritika tagħħhom.

Tul il-programm kien hemm intervent minn Fr Jimmy Bartolo SJ li qal li l-abbozzi jħeddu lill-iskejjel tal-Knisja u jġibu fix xejn id-dritt tal-ġenituri li jibgħatu lil uliedhom fl-iskola tal-għażla tagħhom. Fr Bartolo qal li l-iskola tifforma lill-istudenti mhux waqt il-lezzjonijiet tar-reliġjon biss. Huma riedu li jkollhom id-dritt jagħżlu għall-iskejjel amministraturi u għalliema li jkunu jistgħu iġibu ‘l quddiem l-ethos kattoliku tal-iskejjel tal-Knisja u ma jħadħlux amministaturi u għalliema li jmorru kontra dan l-ethos.

Il-MP tal-PN Karl Gouder qal li jaqbel dwar dan.

Zammit Lewis qal li għalkemm se jinsisti li l-liġi tkun approvata huwa lest li jkompli jitkellem mal-iskejjel tal-Knisja biex tinstab soluzzjoni għad-diffikultajiet li qedgħin isemmu.

 

This is a Newsbook Online opinion piece

Ref: https://newsbook.com.mt/il-ministru-lest-jemenda-l-ligi-tal-ugwaljanza/