Filmat: “Li ġejt addottata ma fiha xejn tal-mistħija; tatni ċans ieħor fil-ħajja”
Rasha Agius Bartoli hija żagħżugħa li bdiet tiġi ffosterjata minn familja meta kellha tliet snin, imbagħad, wara 10 snin tgħix magħhom, iddeċidew li jaddottawha. Hija tisħaq li l-fatt li ġiet addottata ma fih xejn tal-mistħija, anzi, lilha għenha, u taha ċans ieħor fil-ħajja.
Rasha rrakkuntat l-istorja tagħha dalgħodu fuq il-programm ta’ Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart.
Tgħid li tiftakar kif ta’ tliet snin kienet għadha tgħix fi djar tat-tfal, meta darba ġiet koppja li bdiet toħroġha kull ġimgħa. Fil-ħarġiet magħhom, bdiet tara naħa ġdida tal-ħajja, saħansitra anke tip ta’ ikel li ma kinitx imdorrija bih, u affarijiet materjali oħra li ma kinitx esposta għalihom. Apparti minn hekk, bdiet tingħata wkoll attenzjoni individwali.
Meta kien isir il-ħin fi tmiem iż-żjara tagħha, kien ikollha ċerti emozzjonijiet li ma tiftakarhomx kompletament, iżda Rasha tistqarr li wriet ix-xewqa li tkun parti minn familthom.
B’hekk bdew jiffosterjawha, u damu 10 snin jiffosterjawha, sakemm il-familja ddeċidiet li Rasha għandha tkun addottata u ssir uffiċjalment parti mill-familja Agius. Hi kellha 13-il sena u turi apprezzament għall-mod kif il-ġenituri tagħha inkludewha fid-deċiżjoni. Tgħid li dan kien il-pass naturali li kien imiss, li hi riedet tkun parti mill-familja tagħhom b’mod uffiċjali.
“Ommi għamlet att minn qalbha meta tatni għall-addozzjoni”
Rasha tispjega li l-fostering ma joffrix sens ta’ stabbiltà u konsistenza. It-tfal li jkunu ffosterjati ħafna drabi jibżgħu li se jiġri xi ħaġa u jmorru lura għal kif kienu qabel. Min-naħa l-oħra, l-addozzjoni tagħtihom sens ta’ stabbiltà, ta’ familja. Tgħid li anke l-kunjom ġegħilha tħossha aktar parti mill-familja, parti minn grupp wieħed b’valuri simili. “Dik fissret ħafna għalija,” tqerr Rasha ma’ Prof. Azzopardi.
Prof. Azzopardi, li huwa wkoll id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, staqsa lil Rasha jekk hi kinitx interessata fl-għeruq tagħha, li ssir taf lill-ġenituri oriġinali tagħha. Hija tgħid li għaliha kienet importanti ħafna li tkun taf minn fejn ġejja, għax tħoss li din hija parti integrali mill-identità tagħha. Fil-fehma tagħha, it-tfal għandhom dejjem ikunu jafu minn fejn ġejjin, imma hi tagħraf li dan mhux dejjem ikun possibbli.
Fil-każ tagħha, għandha relazzjoni tajba mal-omm naturali tagħha, u hi tifhem li ommha ma setgħetx iżżommha u tapprezza s-sagrifiċċju li għamlet li tat lil bintha għall-addozzjoni sabiex issib ħajja aħjar milli setgħet toffrilha hi, kif fil-fatt ġara. Tgħid li l-fatt li kellha relazzjoni tajba mal-omm naturali tagħha għenha, u sarraf f’aktar stabbiltà għaliha. Minkejja dan, xorta waħda kienet ta’ sfida għal Rasha, u tgħid li jrid ikun hemm stabbiltà sabiex, kemm jista’ jkun, ħadd ma jweġġa’ f’din is-sitwazzjoni diffiċli. Tistqarr li l-ġenituri addottivi tagħha ma setgħux imxew aħjar milli mxew magħha, għax kienu kompletament trasparenti.
“Ma naħsibhiex darbtejn biex naddotta ‘l quddiem”
Rasha ssejjaħ l-esperjenza addottiva waħda sabiħa, għaliex jogħġobha l-mod kif minn dinja hekk kbira, il-ġenituri tagħha u hi sabu lil xulxin u saru familja waħda. Skontha, m’hemmx bżonn ħabi u mistħija f’sitwazzjonijiet bħal dawn – “jien parti minn familja kif inhu kulħadd u aċċettajt il-passat tiegħi.”
Iż-żagħżugħa tant aċċettat il-passat tagħha, li hi u familtha qegħdin fil-proċess li jiżviluppaw għaqda mhux governattiva ffukata fuq l-addozzjoni, bl-isem New Beginnings Foundation. Hija spjegat waqt l-intervista li l-ħsieb warajha hu li jaħdmu ma’ persuni li għaddew minn esperjenzi differenti fil-ħajja, iqajmu l-kuxjenza bl-esperjenza tagħhom u jippruvaw jgħinu lil ħaddieħor, mhux biss fejn jidħlu fostering u addozzjoni.
Mistoqsija jekk ‘il quddiem tikkunsidrax li taddotta xi tifel jew tifla, Rasha lanqas taħsibha darbtejn. “Bla dubju ta’ xejn,” twieġeb, għaliex tgħid li llum, permezz tal-addozzjoni qed tgħix ħajja ta’ valur, ta’ tifsira u ta’ kwalità, u żgur li ma toqgħodx taħsibha biex toffri lil xi ħadd dak li ġie offrut lilha.
L-intervista sħiħa
Ref: This is a newsbook.com.mt opinion piece
https://newsbook.com.mt/filmat-li-gejt-addottata-ma-fiha-xejn-tal-misthija-tatni-cans-iehor-fil-hajja/