“Għenna 60 familja f’sena b’oġġetti għat-trabi u l-ommijiet”

Iċ-charity shop Id f’Id tal-Life Network Foundation f’Santa Venera ilu miftuħ sena

Minn Maria Daniela Camilleri

26 ta’ Marzu 2025 6:30 AM

Christie Gellel Zammit, amministratriċi ġewwa l-qasam tas-Sapport mal-organizzazzjoni volontarja Life Network Foundation qalet li ċ-charity shop Id f’Id fi żmien sena rnexxielu jgħin 60 familja li m’għandhomx stabbiltà f’ħajjithom.

Esprimiet li minkejja li dan il-ħanut ilu miftuħ minn Marzu 2024, bl-għajnuna tad-donazzjonijiet mill-pubbliku ta’ oġġetti tat-trabi u għall-ommijiet, dawn il-familji qed jgħixu ħajja aħjar.

Ċentru ġdid se jipprovdi għajnuna lil nisa tqal u familji żgħażagħ fil-bżonn

Newsbook Malta sab ruħu f’Santa Venera fil-ħanut Id f’Id tal-Fondazzjoni Life Network biex jara x’joffri u jifhem kif minkejja ċ-ċokon tiegħu jgħin fis-skiet lil bosta familji u ommijiet fil-bżonn.

Għaliex Id f’Id?

Gellel Zammit spjegat li l-għażla tal-isem ma kinitx faċli imma bħala kumitat xtaqu li “jirrifletti l-isbuħija tal-komunità.”

Din hija katina li kulħadd jgħin lil xulxin u minn hemmhekk ħareġ l-isem

Stqarret li kemm min joffri l-oġġetti kif ukoll dawk li jixtru qed ikomplu jgħinu lil-Life Network Foundation sabiex tkompli topera u tospita nisa bi tqala mhux pjanata, jew li għadhom kif kellhom tarbija u għandhom bżonn is-sapport.

Kompliet tenfasizza fuq l-importanza tal-valur tal-komunità, “għax ix-xogħol li nagħmlu aħna mhux xi ħaġa li nistgħu nagħmluh waħedna, imma dan iseħħ b’missjoni u bid-donazzjonijiet li jagħtu dawn l-individwi”.

X’wassal għall-ftuħ ta’ dan il-ħanut?

Ritratt: Miguela Xuereb
Ritratt: Miguela Xuereb
Ritratt: Miguela Xuereb
Ritratt: Miguela Xuereb
Ritratt: Miguela Xuereb
Ritratt: Miguela Xuereb

Doreen, il-persuna li tieħu ħsieb iċ-charity shop qalet li l-pubbliku dejjem lest biex jagħti d-donazzjonijiet b’risq id-djar tal-Life Network Fondation: Dar Tgħanniqa ta’ Omm u l-Konservatorju Vincenzo Bugeja.

Spjegat li minn sena għal sena l-ġenerożità baqgħet dejjem tikber u n-nies bdew jagħtu aktar affarijiet milli kien hemm bżonn.

Jekk kellna erba’ tfajliet, daħlu 10 prems, u spiċċajna nitfGĦU kollox f’kamra kollox fuq xulxin. Imma mbagħad ġiet ġurnata fejn rajna nistgħux insibu kamra biex forsi nbigħuhom bi prezz baxx u xorta jkunu qed jidħlu d-donazzjonijiet għad-djar.

Christie Gellel Zammit fakkret ukoll li permezz ta’ dan il-ħanut in-nies li jagħmlu użu minnu apparti li jsibu spalla fil-mixja tal-ħajja tagħhom, ikun ukoll l-ewwel pass tagħhom biex imbagħad ikomplu jingħataw l-għajnuna mill-professjonisti u l-voluntiera permezz tal-helpline 20330023.

Żvelat li matul is-sena l-oħra, il-Fondazzjoni rċeviet madwar 700 telefonata mill-helpline fejn in-nies minn realtajiet differenti ċemplu għall-għajnuna fuq affarijiet differenti.

X’tista’ ssib f’dan il-ħanut?

You name it, We have it

Hekk qalet Doreen lil Newsbook Malta, filwaqt li tat lista ta’ oġġetti għat-trabi kif ukoll għal nisa tqal jew dawk li għadhom kemm saru ommijiet.

Fost il-ħafna affarijiet li għandhom fil-ħanut, Doreen semmiet:

  • Gażażi
  • Fliexken tat-trabi
  • Ħwejjeġ għat-trabi u għan-nisa tqal
  • Prems u coths
  • Breast pumps
  • Sterilizers
  • Ġugarelli
  • Kutri

Qalet ukoll li minn ġimgħa għall-oħra jkollhom anki affarijiet ġodda. “Ġieli jkollna affarijiet li jinbiegħu, dak li jkun jisma’ jew jaqra minn fuq Facebook li oġġett ikun telaq għax inbiegħ, u jerġgħu jġibu ieħor.”

Doreen irrimarkat li anki jkollhom ħafna affarijiet ġodda li jkunu għadhom bit-tikketta, “li xorta waħda jinbiegħu bi prezz baxx u raġonevoli”.

L-iktar oġġetti li jinbiegħu huma l-ħwejjeġ “li bħalissa qegħdin kollha bil-€1 u ż-żraben bit-€2. Dak li jkunu ġieli jiltaqa’ ma’ ħwejjeġ tad-ditti li jaf li minn ħanut jixtrih għoli imma minn hawn jinxtara bil-€1 jew €2”.

Dwar kif jirnexxielhom iżommu l-oġġetti bi prezzijiet daqshekk baxxi, Doreen qalet li huma jkunu second-hand għal darbtejn, jiġifieri jingħataw lilhom mill-pubbliku u ġieli anki jintużaw min-nisa residenti fid-djar tal-Life Network Foundation.

Huma jiġu second-hand, jiġifieri jekk persuna xtrathom għoljin diġà jonqos bin-nofs. Ċertu oġġetti nkunu għaddejnihom lit-tfajliet li jgħixu fid-djar tagħna u meta dawn ma jkollhomx aktar bżonnhom, nerġgħu nbiegħuhom, allura l-prezz jerġa’ jonqos

Qalet li ma jonqosx il-ħsieb ukoll li jekk jiltaqgħu ma’ nies li jkunu batuti, “għax xi kultant mill-bieb ta’ barra tinduna l-persuna x’inhi, nitkellmu bejnietna u nirranġaw prezz”.

B’sodisfazzjon qalet: “Basta naraw li dik il-klijenta li daħlet b’għajnejha miksurin jew stħat tidħol tixtri mingħandna ħarġet bi tbissima fuq fommha. Jien għalija tkun daqslikieku ħallsitni bi kbir”.

“Ġieli n-nies jiġu biex jgħidu kelma u jħossu li xi ħadd qed jismagħhom”

Doreen stqarret li ċ-charity shop ma jgħinx biss lin-nies f’aspetti materjali, imma li anki jirfsu fuq l-għatba tal-bieb biex jgħidu kelma u jaf li hemm xi ħadd lest li jismagħhom.

Qalet li kemm-il darba tisma’ stejjer “li jġibulek għajnejk wara widnejk speċjalment fuq każijiet lokali li jiġi ssuġġerit l-abort. Ġieli għalhekk jiġu hawnhekk biex isibu persuna li jistgħu jiftħu qalbhom magħha”.

Kif tista’ tgħin?

Tista’ żżur il-paġna ta’ Id f’Id u tħalli messaġġ, jew inkella tista’ ċċempel fuq 77115433. Jekk forsi għandek ftit ħin fuq idejk, tista’ tinżel fil-ħanut 495, Triq il-Kbira San Ġużepp, f’Santa Venera.

Għal aktar servizzi minn Life Network Foundation tista’ tara hawn.

Jekk għadek kif skoprejt li inti tqila, jew taf lil xi ħadd li qed jistenna tarbija, imma m’għandux il-mezzi kollha meħtieġa waqt il-vjaġġ tat-tqala u anki wara, tista’ tagħmel kuntatt mal-Life Network Foundation fuq il-helpline 20330023.

Jaf jinteressak:

Tista’ wkoll tibgħat imejl fuq lifeline@lifenetwork.eu.

Segwi l-intervista kollha: