Aħna l‑Maltin għandna għożża għall‑ulied u għall‑ħajja sa mit‑tnissil tagħha. Din hi ħaġa pożittiva ħafna li nixtiequ ninkoraġġixxu bis‑sħiħ. Nuru għalhekk l‑apprezzament tagħna għall‑isforzi li jsiru biex il‑koppji li ma jistgħux ikollhom tfal jingħataw għajnuna xierqa u f’waqtha.
Fl‑istess waqt, hu b’dispjaċir li qrajna emendi proposti għall‑Att dwar il‑Protezzjoni tal‑Embrijuni.
Jidher li l-emendi proposti jmorru kontra l‑għan prinċipali tal‑liġi preżenti, li kien li jassisti koppji li qegħdin f’relazzjoni stabbli biex jista’ jkollhom tarbija. S’issa l‑liġi kienet tipproteġi d‑dinjità tal‑embrijun sa mill‑bidu nett tal‑ħajja umana u tassigura li t‑tarbija titwieled b’omm u b’missier.
Bl‑emendi proposti, dan jispiċċa. It‑tarbija ssir oġġett li qiegħed hemm biss biex jissodisfa x‑xewqa ta’ ħaddieħor. Kull min irid tarbija, hu min hu u hi min hi, jista’ jaħdem biex joħloq waħda, u dan il‑liġi tbierku. Meta l‑liġi tintroduċi l‑possibbiltà ta’ donaturi anonimi taċ-ċelloli għat-tnissil, is‑self tal‑ġuf bis‑surrogazzjoni u l‑iffriżar tal‑embrijuni – dan kollu jagħmel mit‑tarbija oġġett ta’ produzzjoni.
Hu ta’ tħassib serju li b’dawn l‑emendi jista’ jkun hemm tfal li qatt ma jafu min hi l‑omm naturali tagħhom jew il‑missier naturali tagħhom, min huma ħuthom, il‑kuġini, iz‑zijiet u n‑nanniet proprji tagħhom. Il‑liġi l‑ġdida qed toħloq orfni ġodda, u dan bi pjan. Diġà hi sitwazzjoni ta’ uġigħ kbir meta t‑tfal, għal xi raġuni jew oħra, ma jkollhomx il‑grazzja tat‑trobbija minn omm u missier. Imma li liġi toħloq sitwazzjonijiet ġodda bħal dawn, u li tkabbar id‑diskriminazzjoni bejn it‑tfal, inissel tħassib kbir.
L‑ulied huma għeżież u ma ħaqqhomx hekk. Jistħoqqilhom li jkunu mħarsa fil‑ħtiġijiet fiżiċi, emozzjonali, psikoloġiċi, morali u spiritwali tagħhom. Huma l‑ġenerazzjonijiet futuri li jkollhom jaħsdu dak li qed jinżera’ llum.
Tħassibna ħafna wkoll il-proposta li l-iffriżar tal-embrijuni ser jibda jsir b’għażla. Hemm ħafna problemi etiċi oħra assoċjati ma’ dan fosthom il‑periklu li embrijuni ffriżati jibqgħu ma jiġux adottati għax ma jridhom ħadd. Dawn it‑trabi mnissla mit‑teknoloġija jistgħu — tort tal‑bniedem — qatt ma jaraw id‑dawl.
L‑appell tagħna jmur lejn dawk li għandhom ir‑responsabbiltà għal din il‑liġi biex verament iħarsu l‑ħajja u d‑dinjità umana u ma jagħmlu xejn li jkasbar id‑drittijiet tal‑ulied.
✠ Charles J. Scicluna ✠ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex