LE, għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort – Doris Zammit

LE, għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort – Doris Zammit

Nazzjon li joqtol lil uliedu stess huwa nazzjon mingħajr tama”, John Paul II

Jidher li f’Malta l-mentalità ta’ xejn mhu xejn, daħlet sew. Il-ħażin sar tajjeb. Dak li kien ħażin snin ilu, issa sar tajjeb, għax ħafna jgħidu li evolvejna, li x-xjenza evolviet u aħna magħha. Id-dinja nbiddlet. Tabilħaqq id-dinja nbiddlet. Imma tgħid għat-tajjeb? Ma nafx jien jekk hux għat-tajjeb għallanqas fi ftit affarijiet!! Dak li konna naħsbu li hu ħażin 50 sena ilu, issa b’xi mod indawru ‘l hemm u ndawru ‘l hawn, skużi minn hemm u skużi minn hawn, ġibna kollox fejn ridna. Il-kuxjenza sikkitniha biex ma titkellimx, ħalli ma twiddibniex, u għalhekk nistgħu nagħmlu li rridu. 

U b’dan niġi għas-suġġett li xtaqt niddiskuti magħkom illum, anzi biex inkun għidt kollox, nagħti l-opinjoni umli tiegħi, forsi għal min jafni  jista’ jgħid wara li jaqra dak li għandi xi ngħid , li jien ma evolvejtx għax dak li kien ħażin 50 sena ilu llum jien għadni ngħidlu ħażin.

Intant diskussjonijiet pubbliċi dwar l-abort huma dejjem diffiċli. Sintendi dawn ikunu affettwati minn stigma, twemmin reliġjuż, u konvinzjonijiet morali profondi.

Id-diskussjoni dwar l-abort reġgħet qamet dan l-aħħar ġranet wara li l-Onor. Marlene Farrugia, għoġobha tressaq fil-parlament abbozz ta’ liġi intiz biex jipprovdi għal dekriminalizzazzjoni tal-abort.

Jien nemmen dak li tikkonferma wkoll ix-xjenza, jiġifieri, bħal ma jemmnu eluf oħra bħali bl-aktar mod assolut li l-ħajja tibda sa mill-konċepiment. Għalhekk jien ma nistax inkun  favur id-dekriminalizzazzjoni tal-abort. Inħoss anzi nemmen b’saħħti kollha li din il-liġi jekk tiġi fis-seħħ tkun qed tagħti lok biex jidħol l-abort pulit, pulit, għax nibdew inġibu kull skuża taħt il-kappa tax-xemx biex intemmu t-tqala għaliex bid-dekriminalizzazzjoni l-abort ma jibqax jitqies bħala reat kriminali anzi la jkun permissibbli jista’ jwassal għal abbuż.

Irridu nitilqu mill-premessa li l-iżvilupp tat-tqala jibda mill-fertilizzazzjoni fejn fil-fatt jibda l-iżvilupp tal-bniedem uman. Jibda u jkompli bħala embrijun jiġifieri sa tmiem l-għaxar/tnax-il ġimgħa fejn l-embrijun ikun ħa l-forma bażika tiegħu u aħna nirreferu għalih bħala fetu sa ma jitwieled.

Intom qatt smajtu li xi mara li abortiet marret il-ħabs? Żgur li mhux f’dawn l-aħħar 40 sena. Billi hemm il-liġi ma jfissirx li qed nitfgħu n-nies il-ħabs. Il-liġi  tipproteġi t-tarbija fil-ġuf. Però nemmen li jekk din il-liġi titneħħa jkollna liġi tal-ġungla għax kulħadd jagħmel li jrid, aktar milli qed jagħmel bħalissa. 

Id-definizzjoni ta’ abort hija t-tmiem intenzjonat ta’ tqala, li tirriżulta fil-mewt tat-tarbija fil-ġuf. L-abort itemm ħajja u li xi ħadd b’kapriċċ itemm il-ħajja ta’ xi ħadd ieħor b’għażla mhux ġustizzja. Issib min jargumenta li l-fetu mhux tarbija u mhux ħaj qabel ma jitwieled, imma skont il-bioloġija l-ħajja hija kontinwa u tibda mal-fertiliżazzjoni.

Aħna x’aħna ilkoll nafu li jekk toqtol bniedem mhux sewwa, allura għaliex nipproponu l-qtil premeditat ta’ tarbija innoċenti? Hekk sew li rridu nġibu lil pajjiżna jemmen li jekk toqtol bniedem huwa tajjeb? Jew li tużah kif trid u wara tarmih.?

Anke l-Eċċ. Tiegħu l-President ta’ Malta, Dr George Vella stqarr b’mod ċar li “ lest nirriżenja jekk f’pajjiżna tidħol liġi li tħalli l-abort isir.” U  “m’hemmx nofs mewt u jekk ħa toqtol, toqtol u jekk ma toqtolx ma toqtolx.”

Il-qtil ta’ tarbija innoċenti huwa mingħajr ebda eċċezzjoni, att kriminali, aktar u aktar meta dan ma jistax jiddefendi ruħu. U allura aktar tagħmlu gravi. U kemm huwa akbar il-fatt li tkun qed toqtlu l-omm li fil-bidu kienet tagħtu l-ħajja. M’hemmx x’niddiskutu, dan huwa att mill-aktar makabru mill-bidu sal-aħħar.  M’hemmx imma u jew…. Irridu niftakru li t-twelid ta’ tarbija mhux dritt li jingħata lil kulħadd imma huwa biss rigal minn Alla. U hekk għandu jibqa’ u mhux nagħtuh forma kif irridu aħna. 

Ma nistax ma nepatizzax ma’ dawk in-nisa li jew jinqabdu bi tqala mhux mixtieqa jew mhux mistennija. Hija sitwazzjoni diffiċli. Jiena favur li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa ta’ sapport lil dawn in-nisa, mingħajr ma tkun ipperikolata l-ħajja tat-tarbija kemm qabel u wara t-twelid.

Huwa tajjeb li qabel ma titwieled noqtlu ħajja bl-abort, sew bil-pinnoli li jabortu lit-tarbija, jew modi oħra?

Ejjew nidħlu fiż-żarbun tat-tarbija, kieku dik it-tarbija kont jien, kont inkun irrid li joqtluni qabel nitwieled?

Naqbel mija fil-mija ma’ Life Network meta jgħidu li “Id-dekriminalizzazzjoni tal-abort ifisser li minn dak il-ħin inkunu qed ngħidu li l-abort mhux xi ħaġa ħażina. Id-dekriminalizzazzjoni iġib l-abort f’Malta. Ċara daqs il-kristall. Id-dekriminalizzazzjoni tal-abort iwassal mhux biss li l-abort ma jibqax jitqies bħala reat kriminali imma li ma jkunx regolat u faċilment iwassal għal abbuż għax isir permissibbli

(a) f’kull stadju tat-tqala anki lejlet it-twelid u

(b) f’kull ċirkostanza.

Apparti minn hekk, tobba u infermiera jkunu jistgħu jeqirdu l-ħajja ta’ tarbija mhux imwielda, qisu ma ġara xejn u bil-libertà kollha, u dan meta sal-lum il-ġurnata l-abort jitqies minn bosta professjonisti mediċi Maltin u barranin li jmur kontra l-prinċipji tal-etika li fuqhom jimxu u li jorbtu lill-professjonisti mediċi fil-prattika tagħhom. Aktar gravi minn hekk, l-abbozz jirrevoka wkoll il-provvediment li jikriminalizza l-abort ikkaġunat minħabba negliġenza medika jew b’nuqqas ta’ ħila!”

Nagħlaq billi nikkwota lill-Qaddisa Madre Teresa “L-Abort joqtol darbtejn. Joqtol ġisem it-tarbija u joqtol il-kuxjenza tal-omm.”  

Le, għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort.

 

Share Your Thoughts

Your email address will not be published. Required fields are marked *