Inkomplu nnaqqru d-drittijiet tat-tfal

Dan l-aħħar kellna dibattiti fl-aħbarijiet dwar l-introduzzjoni ta’ Avviż Legali 156 tas-sena 2017, li hu suppost avviż legali innoċenti li tirrigwarda l-leave lil min ikun irid tqala permezz ta’ teknoloġija medikament assistita (IVF). Meta wieħed iħares sewwa lejn din il-legal notice isib li hemm tibdil fid-definizzjoni tal-ġenitri prospettivi, li issa saru definiti bħala “żewġ persuni magħqudin fi żwieġ, unjoni ċivili, ko-abitazzjoni jew li laħqu l-età tagħhom u qegħdin f’relazzjoni stabbli bejniethom” Skont l-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, ġenituri prospettivi huma definiti bhala  raġel wieħed u mara waħda.

Jidher li kollox lest għal battalja biex jisfaxxa l-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun malajr u bil-kwiet, f’isem libertà ġdida li teskludi d-drittijiet tat-tfal. F’dan id-dibattitu qawwi tkun ħaġa ħafifa jitwarrab dak kollu li jfisser dan l-Att li jiddefendi l-ħajja umana mill-waqt tal-konċepiment.

 Dan hu l-Att li jagħmel lil Malta unika fid-difiża tal-ħajja umana. Dan hu wkoll dak li jdejjaq lil ħafna mill-pajjiżi ġirien tagħna Ewropej u fl-istess waqt iġibilna ħafna ammirazzjoni minn dawk il-pajiiżi mifnijin bl-abort u li qed jippruvaw  jagħmlu li jistgħu biex ireġġgħu lura l-eżodu tal-att infami Roe v. Wade li llegalizza l-abort. 

Aħna lesti li neqirdu dil-fruntiera Maltija li tipproteġi l-ħajja? Jekk dan hu l-każ, iċ-ċittadini għandhom id-dritt ikunu jafu l-verità. Li nkissru l-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun bi ngann hu pass diżonest għall-aħħar. Liġi li tipproteġi lill-embrijun uman twarrab darba għal dejjem il-possibiltà li l-abort qatt jista’ jiġi legalizzat.  

Din il-liġi mhix dwar diskriminazzjoni. Il-Ministri Fearne u Dalli jistgħu jagħmlu kemm-il konferenza stampa jixtiequ, imma ma jistgħu qatt ibiddlu l-fatti tan-natura, u l-Ministru Fearne bħala tabib jaf dan sewwa. Hi l-istess natura li ma tħallix lil koppji omosesswali jkollhom l-ulied b mod naturali, u mhux liġijiet tal-inekwalità. Stqarrijiet bħal “ persuni LGBT għandhom dritt jitħallew iwelldu lil uliedhom” mhumiex veri fin-natura bijoloġika tar-raġel u tal-mara. Dan ma jista qatt ikun imposibbli jekk ma tindaħalx fl-att tar-riproduzzjoni t-tielet persuna li tinjora d-dritt tat-tarbija għal omm u għal missier.  Dan hu li jfissru donazzjoni tal-isperma u s-surrogacy – li sa issa huma llegali f’Malta.

Ulied li twieldu permezz ta’ donazzjoni tal-isperma jiddefinixxu dan l-att bħala abbandun mill-missier ġenetiku tagħhom. Il-paternità ma tistax tiġi abbandunata għaliex l-ulied iridu r-rabta qawwija mal-qraba tagħhom. Fil-pubbliku  qed jissemma li ghalissa  tiddaħħal id-donazzjoni tal-isperma lin-nisa  biss  – ingann ieħor ghaliex bl istess prinċipju ta’ ugwaljanza l-irġiel  jipprotestaw għax jaraw dan bħala diskriminazzjoni kontrihom – u dan hu l-mod kif imbagħad tidħol is-surrogacy.

Ta’ min jgħid illi l-Parlamant Ewropew irrifjuta li jghaddi draft ta’ rapport dwar id-dħul tas-surrogacy fl-UE fi Frar tal-2017. Il-moviment femminista fl-Ewropa hu wkoll kontra s-surrogacy bħala prinċipju u jħares lejn is-surrogacy bħala l-agħar esplojtazzjoni tal-ġisem tal-mara. F’Malta gruppi għad-drittijiet tan-nisa jibqgħu siekta fuq is-suġġett. Ta’ min jistaqsi ghaliex dan is-silenzju.

Fl-argumenti li qed jinġiebu jidher ċar li l-partijiet mhux jagħtu każ l-aktar ħaġa importanti quddiemhom: l-interess tal-istess tarbija. Hi ħaġa ħafifa twarrab l-interess ta’ min ma jistax jitkellem, imma dan iwassal biss għal ħsara u deni kbir lis-soċjetà.

Il-Konvenzjoni tad-Drittijiegt Tat-Tfal, f’Artiklu 3, tiddikkjara illi l-aħjar interess tat-tfal irid ikun l-għan ewlieni waqt it-teħid ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardjaw lit-tfal infushom.  Artilu 4 tal-konvenzjoni jesiġi illi l-Gvernijiet huma responsabbli li jieħu kull miżura ħalli d-drittijiet tat-tfal ikunu rispettati, protetti u mwettqin sewwa. Il-Konvenzjoni tirrinforza wkoll id-dritt tal-ulied li jkunu jafu lill-ġenituri bijoloġiċi tagħhom u kemm jista’ jkun li jkunu mrobbijin minnhom. Dan kollu jamplifika l-importanza tar-rabta qawwija tal-ulied mal-ġenituri bijoloġiċi taghhom.Bonding li jibda mil-ġuf.

L-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijun hu validu u vvutaw favuru il-membri kollha miż-żewġ naħat tal-Kamra fil-Parlament. Wara deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet fit-tul ma diversi esperti l-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijun ġie approvat sabiex jgħin lill-koppji li qed isofru minn infertilità, iżda fl-istess ħin l-Att iħares id-drittijiet tat-tarbija li tkun għad trid titwieled li f’dak il-waqt tkun fi stat ta’ embrijun.L-Att hu msejjes fuq drittijiet indaqs fejn tidħol it-tarbija mhix imwielda.

Il-politiċi li tellajna fil-Parlament tellajnihom biex jieħdu ħsiebna, inkluż jieħdu ħsieb dawk il-Maltin, embrijuni umani li  għadhom jistennew biex jitwieldu. Hu dmirhom illi jiddefendu l-ħajja sa mill-konċepiment. Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin hekk jistennew minnhom. L-ugwaljanza qed tiġġebbed iżżejjed meta tasal biex twarrab id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tagħhom ukoll meta għadhom embrijuni umani innoċenti.

Dr Miriam Sciberras hi ċ-Chairman tal-Life Network Foundation Malta

 
 

Share Your Thoughts

Your email address will not be published. Required fields are marked *